Sunday 7th August 2011
Iċ-Chairman tal-Malta Racing Club se jibqa’ fil-kariga


Wara li offrejt ir-riżenja tiegħi fil-25 ta’ Lulju, irriflettejt ħafna fuq il-pożizzjoni tiegħi u fid-dawl tal-appoġġ u l-messaġġi ta’ kuraġġ li rċevejt minn għadd ta’ sidien u dilettanti taż-żwiemel kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, il-bieraħ irtirajt r-riżenja tiegħi biex inkompli bil-ħidma tiegħi għall-ġid tal-komunità tad-dilettanti taż-żwiemel tal-Marsa.

Din id-deċiżjoni qed neħodha b’rispett sħiħ lejn id-dilettanti taż-żwiemel u l-isport li tant inħobb kif ukoll fid-dawl tal-ħolma personali tiegħi li nara li jinbnew faċilitajiet tal-ogħla livell kif jixraq lid-dilettanti taż-żwiemel.

Fl-istess waqt, niċħad kategorikament l-allegazzjoni li jien offrejt ir-riżenja tiegħi minn Chairman tal-Malta Racing Club għaliex kelli xi differenzi mal-Gvern dwar it-twettieq tal-viżjoni għall-iżvilupp tal-Villaġġ Sportiv tal-Marsa.

Din hi impressjoni qarrieqa u żbaljata u min ixerred dawn l-allegazzjonijiet infondati, jkun qed jagħmel ħsara kbira lill-isport taż-żwiemel.

Il-fatti jixhdu li kif stqarrejt fl-ittra tiegħi lis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, jien kont qed noffri r-riżenja tiegħi għal raġunijiet esklussivament personali. Dan irrepetejtu diversi drabi u kull meta ġejt mistoqsi mill-media dan ikkonfermajtu wkoll lil kull ġurnalist li staqsieni dwar dan.

Niċħad ukoll bil-qawwa kollha li jien tfajt ir-riżenja tiegħi ftit minuti wara li tħabbret is-sejħa għall-interess għall-iżvilupp tal-proġett. Il-fatti juru li l-offerta’ tiegħi saret permezz ta’ ittra datata tlett ijiem qabel tħabbret is-sejħa għall-offerti. Għall-kuntrarju, jien offrejt ir-riżenja tiegħi f’dan iż-żmien sabiex jinħoloq l-anqas inkonvenjent fil-perjodu meta jieqfu t-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa.

Fl-ittra tiegħi jien offrejt ukoll li nibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħi fil-korsa sakemm tinstab persuna oħra biex tieħu f’idejha t-tmexxija tal-korsa. Fil-fatt jien bqajt għaddej bil-ħidma tiegħi fil-korsa għall-ġid tas-sidien u d-dilettanti.

Nistqarr li jien kont infurmat bil-viżjoni tal-Gvern għall-Marsa sa mill-ħatra tiegħi u esprimejt l-appoġġ tiegħi għal din il-viżjoni sa mill-bidu nett u pubblikament fil-mezzi tax-xandir.

Fil-fatt f’dawn is-snin ħdimt mill-qrib mal-Gvern u mar-rapreżentanti tas-sidien taż-żwiemel sabiex jitfassal id-dokument tas-sejħa ta’ interess, b’lista ta’ ħtiġijiet sportivi li jirriflettu il-bżonnijiet u x-xewqat tas-sidien u d-dilettanti taż-żwiemel.

Dak li wegħdna qed inwettquh u x-xogħol għadu għaddej kif mwiegħed lid-dilettanti taż-żwiemel biex sakemm jasal iż-żmien li jitwettaq il-proġett tal-Villaġġ Sportiv tal-Marsa, il-korsa taż-żwiemel tkompli tissebbaħ, tittejjeb u taqdi l-funzjonijiet tagħha kif mistenni. B’hekk, il-korsa tal-Marsa tkompli tiġbed aktar interess, aktar spettaturi kif fl-aħħar mill-aħħar jixtieq kull dilettant taż-żwiemel.


Dr Matthew Brincat
Chairman