Wednesday 18th September 2013
Demis Zammit f’Tiġrija Nazzjonali ta’ l-Ungerija

 


Nemzeti Vagta f’Budapest huwa festival ekwestriju mimli kultura, divertiment u eċitament li jsir fil-Pjazza ta’ l-Eroj li hi waħda mill-akbar attrazzjonijiet turistiċi ta’ din il-belt. Dan il-festival ilu jsir mis-sena 2008 u din is-sena se jsir bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru. 


Għall-ewwel darba l-Malta Racing Club intalbet sabiex tibgħat ġerrej tal-galopp sabiex jieħu sehem f’dan l-avveniment uniku u għalhekk intagħzel Demis Zammit li bħalissa jinstab jokkupa l-ewwel post tal-klassifika ġenerali għall-ġerrejja tal-galopp. Huwa ser ikun akkumpanjat mic-Chairman tal-Malta Racing Club l-Avukat Matthew Brincat. Din il-parteċipazzjoni ma kinietx tkun possibli mingħajr l-interventi u l-għajnuna tas-Sur Carlo Micallef li huwa l-Group Head Segment Marketing ta’ l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu u s-Sur Manuel Briffa Direttur tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Corinthia Hotels. Filfatt l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu u l-Corinthia Hotels huma l-isponsors tal-parteċipazzjoni Maltija f’dan l-avveniment.


Demis Zammit se jkun qed jikkompeti f’din it-tigrija Internazzjonali nhar il-Ħadd li ġej pero l-preparamenti u l-impenji tiegħu jibdew mill-Ħamis hekk kif wara nofsinhar jattendi konferenza stampa u jibda t-taħriġ biż-żwiemel. It-taħriġ ikompli l-Ġimgħa filgħodu u jsir peress li din mhiex tiġrija normali. Is-Sibt filgħodu jipparteċipa fi programmi professjonali waqt il-galopp nazzjonali u filgħaxija jattendi għal meeting tekniku li fih jiġu spjegati r-regolamenti tat-tiġrija. Il-Ħadd filgħodu jkollu ċans ukoll jipprova l-korsa li hi waħda mwaqqfa għal ta’ l-apposta madwar il-pjazza prinċipali.


Matul il-jiem ta’ l-avveniment dawk preżenti jkunu jistgħu iduqu ftit mill-kultura Ungeriża kif ukoll mill-kultura tal-pajjiżi parteċipanti. L-Awtorita Maltija tat-Turiżmu ser ikollha tinda armata għall-okkażżjoni li fiha wieħed ikun jista jikseb informazzjoni dwar il-Gżira tagħna kif ukoll isib esebizzjoni ta’ prodotti lokali Maltin. Il-pajjiżi li ser jipparteċipaw f’dan l-avveniment huma sintendi l-Ungerija u Malta kif ukoll is-Serbja, Slovakja, ir-Repubblika Ċeka, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kazakhstan. Il-ġerrej ta’ kull pajjiż ser ikollu wkoll jakkumpanjah bniedem liebes il-kostum nazzjonali tal-pajjiż li jkun qed jirrappreżenta.


Nawguraw suċċess lir-rappreżentant Malti Demis Zammit.


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


 


 


 


MRC/09/13