Saturday 19th October 2013
Orcas Bac Jikser Rekord Nazzjonali

 


Illum wara nofsinhar fil-korsa tal-Marsa kellna programm spettakolari ta’ tiġrijiet bil-qofol kif kien mistenni jintlaħaq waqt il-finali tal-Kampjonat tal-Ħarifa għal żwiemel Premier sponsorjat minn Cassar Petroleum Services Limited.


Għalkemm il-kitba għal dan il-kampjonat kienet ferm anqas mis-soltu pero’ ż-żwiemel kienu ta’ kwalita għolja u bil-medji rreġistrati fis-semi finali konna qed nantiċipaw li l-finali kienet ser tkun waħda li ndumu nitkellmu dwarha għal tul ta’ żmien.  Żgur li dawk kollha preżenti ma ħarġux diżappuntati għax it-tiġrija offriet dak kollu li wieħed kien qed jistenna u aktar meta r-rebbieħ Orcas Bac irreġistra medja ta’ 1’13”4 fil-kilometru fuq distanza ta’ 2140m u għalhekk waqqaf rekord nazzjonali ġdid fuq din id-distanza.  Ir-rekord preċedenti ta’ 1’13”7 kien dak ta’ In Vitro du Bourg li wettaq fi tliet okkażżjonijiet differenti bl-aktar riċenti ikun fl-24 ta’ Diċembru 2007.


Orcas Bac huwa żiemel Svediż ta’9 snin li ddebutta f’Malta fil-5 t’April ta’ din is-sena. Is-sid tiegħu huwa Anglu Cassar u l-ġerrej regolari tiegħu huwa Charles Camilleri pero għal dan il-kampjonat kien misjuq miż-żagħżugħ Rodney Gatt. Misjuq mill-istess Gatt, Orcas Bac kien rebaħ ukoll is-Sette Giugno Cup biex għalhekk rebaħ bih it-tliet tiġrijiet li huwa saqu. Din kienet id-disa’ tiġrija ta’ Orcas Bac hawn Malta u ir-raba’ rebħa għalih.


Fit-tieni post spiċċa Ohime Mag misjuq minn wieħed minn sidienu Ronald Cassar, it-tielet il-favorit Okilaibo misjuq minn Julian Farrugia u r-raba’ Vanmaker Limburgia misjuq minn Charles Camilleri.


Il-preżentazzjoni lir-rebbieħa saret mis-C.E.O. tal-kumpanija Cassar Petroleum Services Limited, is-Sur Darren Marmara.


L-għaxar tiġrijiet l-oħra fil-programm kienu kwalifikattivi għall-Condition Races sponsorjati mill-istess Cassar Petroleum Services Limited.  Bil-ħinijiet irreġistrati llum jidher li l-ispettaklu f’dawn il-Condition Races mhux ser jonqos. Aktar tiġrijiet ta’ kwalifikazzjoni issa jinġrew nhar il-Ħadd li ġej.


Lorraine Cunningham
Public Relations & Media Officer
Malta Racing Club


 



MRC/10/13