Monday 28th June 2010
Tiġrijiet tradizzjonali tal-Imnarja 2010

Il-Malta Racing Club bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, għat-tieni sena konsekuttiva, ser ikun qed jorganizza t-tiġrijiet tradizzjonali tal-Imnarja għada it-Tlieta 29 ta’ Ġunju 2010. Dawn it-tiġrijiet ser isiru fit-triq ta’ taħt is-Saqqajja propju fil-post oriġinali fejn kienu jsiru sa minn żmien ilu, taħt id-dawl artifiċjali. L-ewwel tiġrija hija skedata li tibda’ fis-5.00pm. Kull min jattendi ser ikollu l-opportunità li jsegwi t-tiġrijiet f’area apposta bis-siġġijiet.

Minbarra t-tiġrijiet tal-Imnarja, il-Malta Racing Club ser ikun qed jorganizza wkoll it-tiġrijiet tradizzjonali tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu li taħbat nhar is-16 ta’ Lulju u tal-festa ta’ Santu Rokku ta’ nhar l-20 ta’ Awwissu. Aktar dettalji dwar dawn it-tiġrijiet ser jitħabbru aktar il-quddiem.

Dr.Matthew Brincat, waqt konferenza tal-Aħbarijiet qal li “Minn Jannar tas-sena l-oħra, il-Malta Racing Club beda jieħu ħsieb li jorganizzaw is-settur taż-żwiemel tal-ponijiet. Dan il-proċess involva r-reġistrazzjoni taż-żwiemel li jipparteċipaw f’dawn it-tiġrijiet. Din ir-reġistrazzjoni qed tagħti d-dritt lis-sidien tal-ponijiet li jużaw il-korsa l-qadima tal-Marsa għal skop ta’ taħriġ kif ukoll jipparteċipaw f’tiġrijiet li jorganizza l-klabb fil-korsa l-kbira tal-Marsa.”

Huwa kompla li “Dawn it-tiġrijiet għandhom storja twila f’pajjiżna fejn l-ewwel li jissemmew f’ xi dokument huwa fl-1469. dan jagħmel lill-Malta Racing Club kburija li issa qed tieħu ħsieb dawn it-tiġrijiet.”

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tar-Rabat, is-Sur Alexander Craus. Huwa qal li “hu ta' sodisfazzjon għall-Kunsill Lokali tar-Rabat li din is-sena daħal fi ftehim mal-Malta Racing Club biex it-tiġrijiet tradizzjonali tal-Imnarja jerġgħu jiġu organizzati.”

Huwa kompla billi qal li “din hija attività tradizzjonali, attivita li tqanqal interess fost id-diletanti taż-żwiemel.” Huwa kompla li “din hija wkoll attività ferm popolari mar-Rabtin u għalhekk ma setax jonqos li meta saret it-talba għall-għajnuna tagħna ma qadniex lura.”

Is-Sindku qal ukoll li l-Kunsill laqa b'sodisfazzjon il-fatt li t-tiġrijiet qed isiru filgħaxija u b'hekk l-effet tas-sħana fuq il-behejjem ġie eliminat. Xi ħaga li l-Kunsill kien ilu jisħaqq biex dan iseħħ. Huwa kompla billi faħħar id-diversi regolamenti li l-organizzaturi daħħlu biex jissalvagwardjaw il-bhejjem. Alexander Craus ħa l-opportunità biex isemmi proġett li l-Kunsill Lokali tar-Rabat għandu fil-pjanijiet tieghu biex it-tribuna tal-Granmastru minn fejn kien iqassam il-premijiet tiġi restawrata.

Dawn it-tiġrijiet kienu jiġu organizzati taħt is-Saqqajja mill-Kunsill Popolari tal-Imdina li kien immexxi lil Malta f’isem ir-Re ta’ Spanja qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dawn it-tiġrijiet bikrin kienu xorta oħra minn dawk tal-llum. Sal-1542 kienu jsiru erba’ tiġrijiet: tal-irġiel, tal-ġuvintur, tal-ilsiera u waħda biss tal-bhejjem li kienet tal-ħmir.

L-Imnarja kienet il-festa tal-bdiewa u r-raħħala u dawn kienu jaħdmu l-uċuħ tar-raba’ bil-ħmir jew bgħala li f’Malta tant kien hawn li konna nesportawhom. Bħala premju l-irġiel kienu jirċevu tarka tonda żgħira, il-ġuvintur xabla, lanza u żewġ brieret; l-ilsiera tnax-il tużżana żigarella; u r-rebbieħa tal-ħmir kienu jingħataw kwantità ta’ xgħir. Maż-żmien żdiedu t-tiġrijiet tal-bgħala, dwieb u taż-żwiemel tax-xogħol. It-tlielaq tal-bhejjem kienu jsiru kollha fuq id-dahar u bla sarġ.