Wednesday 25th June 2014
L-Aħħar Programm Qabel il-Waqfa tas-Sajf

Din is-sena minħabba diversi fatturi, l-istaġun tat-tiġrijiet taz-zwiemel se jagħmel waqfa ftit itwal mis-soltu u filfatt nhar il-Ġimgħa jkun l-aħħar programm qabel din il-waqfa tas-Sajf.


Il-programm tal-Ġimgħa jibda fis-7:00 p.m. u jikkonsisti f’9 tiġrijiet kollha tat-trott bl-aktar tiġrija mportanti u mistennija tkun il-VOB Grand Final li fiha ser jipparteċipaw 10 t’izwiemel li kienu protagonisti kemm fis-Sette Giugno Cup kif ukoll fil-Prix de Vincennes. Meta wieħed iħares lejn il-prestazzjoni tal-parteċipanti nantiċipaw tiġrija mill-isbaħ fejn għal darb’oħra d-dilettanti ser ikunu qed iħarsu lejn l-arloġġi sabiex jaraw x’se tkun il-medja u forsi jinkiser ir-rekord fuq din id-distanza. Il-bonus għal ksur tar-rekord issa tela’ għal €3100.


Matul il-programm, ezattament wara l-ħames tiġrija fid-8:40 p.m. ser issir tiġrija ta’ spettaklu għall-benefiċjenza.  Din ser tkun tiġrija tal-ħmir misjuqa mill-aqwa sewwieqa lokali tal-mument. Għalkemm qed tissejjaħ World Cup 2014 Fun Race fejn il-ħmir ġew mogħtija ismijiet ta’ pajjizi ewlenin f’din il-kompetizzjoni, l-għan ewlieni huwa li jinġabru fondi għall-Malta Airport Alive 2014 Cycling Challenge for Cancer.  Bejn id-9 u it-18 ta’ Lulju, 45 ċiklist ser isuqu 1000km f’7 t’ijiem f’ħames pajjizi. Dawn iċ-ċiklisti qed jagħmlu hekk sabiex jiġbru fondi għal aktar riċerka dwar il-kanċer tas-sider. Wara li f’Mejju li għadda l-Malta Racing Club kien abbina l-Kampjonat Internazzjonali tan-Nisa ma l-Europa Donna Malta sabiex joħloq aktar kuxjenza dwar din il-marda issa ħass il-bzonn li jgħin aktar u għalhekk ħaseb sabiex jorganizza din it-tiġrija nsolita li toħloq ukoll spettaklu xi ftit umoristiku bil-parteċipazzjoni tal-ġerrejja li bħalissa qed jokkupaw l-ogħla postijiet fil-klassifika ġenerali. Inħeġġu lid-dilettanti kollha sabiex bħal dejjem ikunu ġeneruzi. 


Bejn tiġrija w oħra ser isiru wkoll xi prezentazzjonijiet. Waħda minn dawn tkun dik tal-ġerrej tax-xahar ta’ Mejju li hija sponsorjata minn Winner’s Circle Bar & Restaurant ta’ l-Imġarr. Ir-rebbieħ huwa Charles Camilleri li matul Mejju rebaħ 9 tiġrijiet, tlieta minnhom fl-istess programm u f’tiġrija oħra rnexxielu jwaqqaf rekord nazzjonali fuq distanza ta’ 1640m. Camilleri matul dan l-istaġun diġa rebaħ dan l-unur għax-xhur Jannar u Frar. Huwa jinsab jokkupa l-ewwel post għal dik li hija klassifika ta’ l-aqwa ġerrej tal-Malta Racing Club fejn s’issa diġa rebaħ 25 tiġrija. 


Prezentazzjoni oħra ser tkun dik ta’ ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil Anton Pace, Dylan Baldacchino, Kurt Saliba, Warren Spiteri u Marvin Cauchi li s-Sajf li għadda ħadu sehem f’kors qasir dwar it-tiġrijiet taz-zwiemel li sar fl-Isvezja bl-għajnuna ta’ fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-progett ta’ Mobilita Leonardo da Vinci. Iċ-ċertifikati ġew mibgħuta mit-trainer professjonali Tommy Lovgren li kien responsabbli għat-taħriġ ta’ dawn iz-zagħzagħ. Fl-Isvezja il-grupp kien akkumpanjat mill-membru tal-Kunsill Marco Millo. 


Il-Ġimgħa hija ġurnata ta’ mistrieħ għal dak li huwa logħob tat-Tazza tad-Dinja, għalhekk inħeġġu lill-pubbliku in ġenerali sabiex jiġi l-korsa tal-Marsa sabiex jassisti għal dan il-programm ferm interessanti li ser iġib fi tmiemu l-ewwel parti ta’ dan l-istaġun.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/16/14