Wednesday 29th October 2014
Finali Tazza Johnnie Walker Nhar il-Ħadd

Nhar il-Ħadd li ġej issir il-Finali tat-Tazza Johnnie Walker li din is-sena kienet riservata għal żwiemel tat-trott tal-kategorija Gold. Din ser tkun is-seba’ tiġrija fil-programm fuq distanza ta’ 2140m u tibda fl-4:00 p.m.


 


Għal dan il-kampjonat inkitbu 41 żiemel li ħadu sehem f’erbgħa heats nhar il-Ġimgħa 17 t’Ottubru.  Minn dawn għaddew 20 għaż-żewġ semi finali li saru l-bieraħ u issa nafu l-10 t’iżwiemel li ser jipparteċipaw fil-finali.


 


F’din il-finali hemm fond ta’ premjijiet li jammonta għal-1600 Ewro bir-rebbieħ jieħu 900 Ewro kif ukoll trofej li tħejjew għal ta’ l-apposta għal dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet. Ir-rebbieħ ser jingħata wkoll għata kommemorattiva. Barra minn hekk is-sid taż-żiemel rebbieħ ser jingħata flixkun Johnnie Walker Blue Label, tat-tieni Johnnie Walker Platinum, tat-tielet jinghata Johnnie Walker Gold Reserve u r-raba’ post Johnnie Walker Double Black Label.


 


It-Tazza Johnnie Walker hija waħda mit-trofej antiki assoċjati mat-tiġrijiet taż-żwiemel. Filfatt għalkemm forsi ħafna jaħsbu li dan il-kampjonat kien dejjem wieħed tal-galopp dan mhuwiex minnu. Ta min isemmi li it-Tazza Johnnie Walker kienet l-ewwel kampjonat li sar għal żwiemel tat-trott meta ġiet inawgurata l-Korsa l-ġdida. Kienu saru tliet heats nhar l-24 ta’ Mejju 1981 li ntrebħu minn Faci de Beauzeval, Flaminius u Fust bil-finali tintrebaħ minn Fust misjuq minn Anthony Cassar (In-Noqqu) nhar is-7 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena.


 


Din it-Tazza prestiġjuża li kienet inawgurata fl-1939 dawn l-aħħar snin kienet qed tintuża għal żwiemel tal-galopp u s-sena l-oħra din kienet intrebħet minn Kimberley Downs misjuq minn Michael Sultana.


 


Nistgħu ngħidu li wara s-suċċess tas-sena l-oħra l-isponsor M.Demajo (Wines & Spirits) Ltd permezz tal-Marketing Manager is-Sur Alfred Braddick, iddeċidew li riedu jagħmlu xi ħaġa differenti u fuq skala akbar u għalhekk ġie deċiż li din is-sena it-Tazza Johnnie Walker tkun abbinata maż-żwiemel tat-trott kategorija Gold.


 


Illum fil-preżenza tas-sidien u l-ġerrejja assistejna għall-poloz sabiex saru magħrufa n-numri tat-tluq wara l-karozza ta’ dawn il-finalisti. In-numru tat-tluq huwa meqjus bħala wieħed mill-fatturi importanti f’tiġrija u għalhekk kull sid u ġerrej ikun qed jistenna b’anzjeta ħa jara x’numru ser ikun abbinat liż-żiemel tiegħu.


 


1. New Star D.K.


2.Panda des Fleches


3.Sigurd Speed


4.P.A.Surprise


5.Markus Klipp


6.Reader Jyl


7.Quito de Femisson


8.Argus Hanover


9.Obelix Molgard


 


10.Veikko Hornline