Monday 10th November 2014
Finali Tazza tal-President

Finali Tazza Tal-President


 


Din is-sena ġie deċiż li l-Finali tat-Tazza tal-President ma ssirx f’Jum ir-Repubblika kif kien qed isir dan l-aħħar iżda tmexxiet għal aktar kmieni u b’hekk ser issir nhar il-Ħadd li ġej. Dan it-tibdil fid-data sar għal diversi raġunijiet pero prinċipalment sabiex jagħti ċans liż-żwiemel kollha ta’ l-ogħla kategorija jipparteċipaw. Meta kienet issir fit-13 ta’ Diċembru ż-żwiemel Franċiżi kienu jkunu impenjati fil-Prix de Vincennes u għalhekk ma setawx jieħdu sehem f’din it-Tazza mportanti fil-Kalendarju tat-Trott lokali. Raġuni oħra kienet li nhar it-13 ta’ Diċembru l-President ta’ Malta jkollha ħafna mpenji kemm Malta kif ukoll Għawdex u għalhekk il-ħin għad-dispożizzjoni tagħha fil-Korsa tal-Marsa kien ikun limitat ħafna.


 


Din hija l-14 il-edizzjoni tat-Tazza tal-President u l-ewwel waħda taħt il-Patronċinju ta’ l-E.T. Dr Marie Louise Coleiro Preca li ser tkun preżenti fostna sabiex tassisti għall-programm imħejji għal ta’ l-apposta kif ukoll tippremja lir-rebbieħa.


Id-distanza ta’ din il-finali ġie deċiż li tibda ssir fuq 2140m sabiex l-aktar żewġ tiġrijiet prestiġjużi fil-kalendarju tat-trott Malti jkollhom distanzi differenti meta t-Tazza l-Kbira tinġera fuq id-distanza itwal ta’ 2640m.


 


Bħal ma ġara fl-aħħar snin illum ser ikunu s-sidien stess taż-żwiemel finalisti jew rappreżentanti tagħhom li jagħżlu n-numru tat-tluq wara l-karozza. L-ordni ta’ l-għażla hija skond il-pjazzament u l-ħin reġistrat fis-semi finali.


 


Għal darb’oħra wkoll il-Kunsill tal-Malta Racing Club ħa ħsieb li l-programm varjat imħejji għall-okkażjoni ikollu bħala protagonisti it-tfal ta’ l-Akkademja taż-żwiemel fi ħdan il-Malta Racing Club.


Din is-sena għal darb’oħra ser issir il-Mini President’s Cup fejn it-tfal ta’ l-Akkademja jsuqu ponijiet żgħar bi trott. It-trofew lir-rebbieħ jew rebbieħa tiġi ppreżentata wkoll mill-President ta’ Malta.


 


L-Eċċellenza Tagħha mistennija tasal il-Korsa fit-3:00 p.m. fejn tkun eskortata għall-lok tal-preżentazzjoni mill-Kavallerija tal-Pulizija. Mal-wasla Tagħha iż-żagħżugħa Milena Bianco se tkanta l-Innu Malti u wara t-tfal ta’ l-Akkademja ser iwasslu lis-sewwieqa finalisti fuq xrieret bil-ponijiet fil-lok tal-preżentazzjoni fejn jiġu milqugħa minn tfal oħra bil-fjuri u jiġu ppreżentanti b’tifkira ta’ l-okkażjoni mill-President ta’ Malta.


 


Iż-żwiemel finalisti ser joħorġu parata b’għotjien li ser jingħataw mill-Malta Racing Club u hekk kif jitħabbar ir-rebbieħ Milena Bianco ser tkanta diska ta’ l-okkażjoni.


Il-fond tal-premjijiet jammonta għal 3600 Ewro bir-rebbieħ jieħu s-somma ta’ 2025 ewro, għata kommemorattiva u d-dritt li jżomm għal sena it-trofew prestiġjuż xogħol l-artist George Muscat. Jingħataw trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erbgħa postijiet.


 


S’intendi bħal dejjem din il-Finali ġġorr magħha skop filantropiku dik li jinġabru fondi għall-Istrina fi ħdan il-Community Chest Fund li din is-sena iġġib is-slogan Solidarjeta’ bl-Isports.


 


Apparti li nhar il-Ħadd voluntiera jkunu qed jiġbru donazzjonijiet minn għand dawk preżenti aħna nħeġġu wkoll lis-Sidien rebbieħa sabiex bħal dejjem ikunu ġenerużi u jiddonaw parti mill-premju lill-Istrina.


 


Din is-sena għandna 12 il-finalist fosthom ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Gently di Poggio, ir-rebbieħ tal-VOB Grand Final Pat de Fontaine, Ohime Mag rebbieħ tal-Prix de Vincennes u ir-rebbieħ ta’ l-Assikura Gold Championship Phenix de la Roque.


 


Iż-żwiemel finalisti bil-ġerrejja probabli għal din is-sena huma dawn:


 


1.       Vejby Boom (Charles Camilleri)


2.       Mad Image (Rodney Gatt)


3.       Pat de Fontaine (Noel Baldacchino)


4.       Pedro Vici (Johann Axisa)


5.       Original Blue (Chris Cassar)


6.       Phenix de la Roque (Frencu Cassar)


7.       Ohime Mag (Ronald Cassar)


8.       Oran (Carmelo Farrugia)


9.       Gently di Poggio (Brian Hili)


10.   Poulot des Cinty (Clint Vassallo)


11.   Mint Kronos (Julian Farrugia)


12.   Made In Hoff (Thomas Bonde)


 


Lista tar-Rebbieħa Preċedenti tat-Tazza tal-President:


 


Sajf 1992         Zito Bob (Tony Tanti)


1992/1993       Sanit (Charles Clifton)


1993/1994       Alto Be (Frencu Cassar)


1994/1995       Major Bill (John Briffa)


1995/1996       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1996/1997       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1997/1998       Captain Trackline (Joseph Scicluna)


1998/1999       Bambin d’Orleans (Philip Giordmaina)


2004                Huit Mars (Michael Seychell)


2010                Lucas Ness (Mario Farrugia)


2011                Livi Cantona (Charles Camilleri)


2012                Mont Cenis Honey (Noel Baldacchino)


2013                Gently di Poggio (Brian Zammit)


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/22/14