Thursday 27th November 2014
Tony Demanuele fil-Prix des Rencontres Internationales

Nhar is-Sibt li ġej fil-Korsa ta’ Vincennes Pariġi jinżamm l-appuntament annwali tal-Prix des Rencontres Internationales fejn 15 il-ġerrej minn pajjiżi differenti jsuqu f’tiġrija reclamer fuq distanza ta’ 2100m.


 


Ir-rappreżentant Malti ser ikun is-sewwieq Tony Demanuele li s-sena l-oħra kien spiċċa fis-6 post għal dik li hija klassifika ta’ l-aqwa ġerrej lokali.


 


F’din it-tiġrija jinkitbu żwiemel bejn is-6 u l-10 snin li jkunu reklamati għall-bejgħ għal somma li tibda minn €22,000. Il-premju globali ta’ din it-tiġrija huwa ukoll ta’ €22,000. Is-sena l-oħra r-rebbieħ kien is-sewwieq Malti Noel Baldacchino  biż-żiemel Puy de Sancy.


 


Demanuele ser jitlaq bin-numru 14 u ż-żiemel ta’ 6 snin Uroi de Nganda. It-tiġrija tkun is-seba’ waħda tal-programm u tibda fil-16:45.


 


Bħal dejjem l-istedina mis-Soċjeta Franċiża tat-Trott apparti ġerrej tkun tinkludi wkoll lis-sid taż-żiemel Franċiż li jkun spiċċa l-aħjar matul is-sena preċedenti.  Fl-2013 dak iż-żiemel kien Okilaibo u għalhekk ġie mistieden is-sid Joseph Seychell sabiex jiġi ppreżentant b’tifkira ta’ l-okkażjoni.


 


Demanuele u Seychell ser ikunu akkumpanjati mic-Chairman tal-Malta Racing Club l-Avukat Matthew Brincat u s-Sibt filgħodu jkun qed jattendi laqgħa li fiha jipparteċipaw rappreżentanti ta’ kull pajjiż.


 


Id-delegazzjoni Maltija tirritorna lura l-Ħadd filgħodu.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/24/14