Tuesday 20th January 2015
David Ellul fit-Tazza Ewropeja ta' l-Amateurs

Nhar is-Sibt li ġej fil-Korsa ta’ Vincennes Pariġi ssir it-Tazza Ewropeja ta’ l-Amateurs jew kif inhi magħrufa wkoll il-Prix de Saint-Claude.


 


Kien mis-sena l-oħra li s-Soċjeta Franċiża tat-Trott ħasbet sabiex għal din it-tiġrija tibda tistieden is-sewwieqa hija stess mill-pajjiżi li jifformaw parti mill-Unjoni Ewropeja tat-Trott.


 


Ir-rappreżentant Malti din is-sena se jkun David Ellul li għandu 47 sena u li l-istaġun li għadda kien spiċċa fit-tmien post tal-klassifika ġenerali. Huwa rebaħ 4 tiġrijiet fosthom il-Finali tal-V.O.B. biż-żiemel Palazio Valterne.


 


It-tiġrija hija t-tmien waħda fil-programm u hija bl-autostart fuq distanza ta’ 2100m bi premju totali ta’ 16,000 ewro. Iż-żwiemel eliġibbli huma dawk minn 7 sa 9 snin li ma jkunux rebħu aktar minn 184,000 ewro. Il-poloz li jabbinaw iż-żwiemel mal-ġerrejja jitilgħu l-Ħamis filgħodu l-ġurnata li fiha Ellul iħalli Malta għall-Pariġi.  Huwa ser ikun akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele.


 


Demanuele ser ikun ukoll qed jattendi l-laqgħa ta’ l-Unjoni Ewropeja tat-Trott li ssir is-Sibt filgħodu filwaqt li l-Ħamis stess ikun qed jippreżenta tifkira lir-rebbieħ tal-Prix de la Valette.


 


Aġġornamenti bir-ritratti ta’ dawn l-avvenimenti tkunu tistgħu ssegwuhom fuq il-paġna tal-facebook tal-Malta Racing Club.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/02/15