Friday 20th March 2015
L-Aqwa Meeting ta' l-Istagun

Nhar il-Ħadd li ġej isir l-akbar programm ta’ l-istaġun meta jingħata bidu għal kampjonat li minnu joħroġ r-rebbieħ ta’ l-aqwa unur fit-tiġrijiet tat-trott lokali – It-Tazza l-Kbira.


 


Ngħidu li hu l-akbar wieħed għax sitta mit-tmien tiġrijiet huma riservati għall-aqwa żwiemel li bħalissa jinsabu Malta fejn kollha ser ikunu qed jissieltu sabiex jikkwalifikaw għas-semi finali.


 


Din is-sena 68 żiemel inkitbu sabiex jiġru f’dan il-kampjonat u għad-differenza ta’ dawn l-aħħar staġuni huma kollha ġejjin mill-klassi Premier. Matul l-aħħar tas-sena l-oħra kif ukoll il-bidu ta’ din is-sena s-sidien Maltin xtraw ħafna żwiemel ta’ klassi ogħlja u l-qabża fil-kwalita qed tiġi riflessa fit-tiġrijiet ta’ l-ogħla kategorija. Fost dawk li ħa jiġru nhar il-Ħadd hemm 8 debuttanti kif ukoll żwiemel li diġa naqqxu reputazzjoni lokalment bħar-rebbieħ tat-Tazza l-Kbira tas-sena l-oħra Cloria Victis, ir-rebbieħ tat-Tazza tal-President tas-sena l-oħra Pedro Vici u r-rebbieh tat-Tazza l-Kbira 2013 Nabab du Chatelet. Hemm ukoll l-aktar żewġ t’iżwiemel veloċi ta’ Malta – Orcas Bac u Prieure it-tnejn li huma għandhom fidhom ir-rekords tad-distanzi 1640m u 2140m.


 


Iż-żwiemel l-oħra bejniethom rebħu ħafna tiġrijiet u anke unuri li mpossibli jissemmew kollha. Dan kollu jixhed li għal darb’oħra t-Tazza l-Kbira ser toffri dak l-ispettaklu li kulħadd ikun qed jistenna. Wara kollox dan huwa l-unur li kull sid u ġerrej jaspira li jnaqqax ismu fuqu meta jkollu żiemel ta’ l-ogħla kategorija.


 


Dawk l-24 żiemel li ser jikkwalifikaw mill-programm tal-Ħadd jiġru f’żewġ semi finali li jsiru nhar Ħadd il-Għid il-5 t’April bil-finali ta’ tnax il-żiemel issir ħmistax wara l-Ħadd 19 t’April.


 


Il-programm tal-Ħadd jibda fis-13:30 u l-heats tat-Tazza l-Kbira jibdew fis-2:25 pm. Id-distanza ta’ dan il-Kampjonat hija bħas-soltu 2640m.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/09/15