Friday 17th April 2015
Chukkas Tazza l-Kbira

Din is-sena kienu 68 iż-żwiemel ta’ l-ogħla klassi li rreġistraw sabiex jipparteċipaw fit-Tazza l-Kbira. Mis-sitt heats li saru, 24 għaddew għall-fażi tas-semi finali u issa l-aħħar tnax ser jikkompetu fil-finali nhar il-Ħadd li ġej.


 


It-Tazza l-Kbira hija l-akbar avveniment fil-kalendarju tat-trott lokali u kull sid u ġerrej jaspira li xi darba jniżżel ismu fuq dan l-unur prestiġġjuż.


 


Din is-sena nieħdu gost ninnotaw li hemm diversi sidien u ġerrejja li waslu sal-finali għall-ewwel darba u nisperaw li din ser tkun esperjenza li jibqaw jiftakru għall-ħafna snin. Għalkemm ir-rebbieħ finalment jista jkun wieħed biss pero li tasal sa l-aħħar tnax huwa diġa akkwist.


 


Bħal ma ġara f’dawn l-aħħar snin il-poloz għan-numri tat-tluq ittellaw mis-sidien stess waqt il-programm televiżiv Sal-Ġister u l-Malta Racing Club ħaseb sabiex iħejji programm speċjali denju ta’ dan l-avveniment.


 


Il-Ħamis filgħaxija s-sidien u l-ġerrejja finalisti kienu mistiedna għall-ikla ta’ l-okkażjoni sabiex jiġu mogħtija l-aħħar informazzjoni dwar il-programm tal-Ħadd. Din l-ikla saret fiċ-Chukkas Restaurant li huwa l-isponsor ewlieni tat-Tazza l-Kbira għal din is-sena u għaliha kien hemm ukoll mistieden is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, Sport, Riċerka u Innovazzjoni l-Onorevoli Chris Agius. Waqt din l-ikla dawk preżenti kellhom iċ-ċans ukoll li jiltaqaw għall-ewwel darba mac-Chairman il-ġdid tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg li kien għadu kemm ġie appuntat uffiċjalment ftit ħin qabel.


 


Waqt din l-ikla s-sidien ġew ippreżentati bl-għotjien u n-numri li ser jintużaw miż-żwiemel finalisti l-Ħadd li ġej.


 


Il-pubbliku in ġenerali huwa mħeġġeġ sabiex nhar il-Ħadd ikun il-korsa tal-Marsa u mhux dawk dilettanti biss tat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda anke dawk dilettanti tal-karozzi u l-muturi. Ftit wara nofsinhar mistennija jaslu l-Korsa karozzi MG kif ukoll muturi Harley Davidson.  Għat-3:30 tibda l-parata tal-karozzi u muturi li jwasslu lis-sidien u l-ġerrejja fil-presentation area sabiex jiġu ppreżentati b’tifkira ta’ l-okkażżjoni. Jallegraw lill-pubbliku ikun hemm ukoll it-Tikka Banda.


 


Il-finali tat-Tazza l-Kbira hija s-sebgħa waħda tal-programm u tibda fil-4:40. Qabel issir il-parata taż-żwiemel finalisti li ser tiġi mmexxija mir-rebbieħ tas-sena 2011 Kakisis li llum huwa rtirat.


 


It-tiġrija għandha distanza ta’ 2640m u bħala fond ta’ premjijiet hemm total ta’ €4950 li minnhom ir-rebbieħ jieħu €2700. Tħejjew ukoll trofej speċjali għall-okkażjoni li jingħataw sal-ħames post.


 


Għalkemm ir-rekord nazzjonali fuq din id-distanza huwa ta’ 1’13”6 l-aqwa ħin qatt irreġistrat f’din il-kompetizzjoni fuq distanza ta’ 2640m huwa dak ta’ 1’14”4 minn Oran f’waħda mis-semi finali tas-sena l-oħra. Madanakollu l-aqwa ħin fil-finali fuq din id-distanza huwa dak ta’ Mig of the Wood meta fl-2012 kien irreġistra 1’15”4.


 


 


 


 


Fost il-finalisti ta’ din is-sena nsibu r-rebbieħ tas-sena l-oħra Cloria Victis li ser ikun qed jiddefendi t-titlu għal darb’oħra taħt il-gwida ta’ Charles Degiorgio li s-sena l-oħra stabilixxa lilu nnifsu bħala sewwieq u trainer professjonali fi Franza u ser jiġi Malta propju għall din il-finali.


 


F’isem il-Kunsill tal-Malta Racing nawguraw tiġrija mill-isbaħ lill-finalisti kollha u spettaklu mill-aqwa lil dawk kollha preżenti.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/13/15