Thursday 4th June 2015
Finali Le Trot u Tazza Sette Giugno

Il-Ħadd li ġej jiġi fi tmiemu l-ewwel parti ta’ l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel bi programm mill-aqwa li jinkludi erba’ tiġrijiet PMU jiġifieri li ser ikunu trasmessi diretti madwar l-Ewropa u jsir ukoll logħob fuqhom. Il-programm tal-Ħadd jikkonsisti f’għaxar tiġrijiet li jibdew fl-4:30 ta’ wara nofsinhar. L-ewwel erba’ tiġrijiet huma riservati għal żwiemel tal-klassijiet Silver u Bronze li għadhom qatt ma rreġistraw rebħa f’Malta. Is-sitt tiġrijiet l-oħra huma kollha finali – ħamsa minnhom tal-Kampjonat Le Trot sponsorjat mill-Assoċjazzjoni Franċiża tat-Trot għall-klassijiet Premier, Gold, Silver, Bronze u Copper. Il-finali l-oħra hija s-Sette Giugno Cup għall-klassi Premier. Id-distanza ta’ dawn l-għaxar tiġrijiet hija 2140m. Dan il-programm ta’ tiġrijiet huwa wieħed l-aktar sinjur fl-istorja tat-tiġrijiet lokali meta ħa jitqassmu total ta’ kważi tletin elf ewro minbarra trofej lil l-ewwel ħamsa f’kull finali. Barra minn hekk dan il-programm huwa verament importanti għax jekk jerġa jkun suċċess bħal dak ta’ Diċembru li għadda l-programmi ta’ din ix-xorta jistaw jiżdiedu u b’hekk is-sidien ikunu qed jibbenifikaw minn premjijiet ħafna ogħla minn dawk li jkollhom normalment. F’isem l’Assoċjazzjoni Franċiża tat-Trott ser ikun hawn preżenti s-Sur Andre Meunier li ħa jippreżenta t-trofej lir-rebbieħa flimkien ma l-Ambaxxatriċi għal Franza l-Eċċellenza Tagħha Beatrice le Fraper du Hellen. Preżenti wkoll se jkun hawn Mara Blanco l-International Key Account Manager tal-PMU. Fl-erbgħa tiġrijiet PMU li huma iż-żewġ finali tal-Klassi Premier u dawk tal-Gold u Silver il-logħob kollu jsir biss permezz tas-sistema PMU u ma jista jsir l-ebda logħob mal-bookmakers. Is-sidien taż-żwiemel parteċipanti fit-tiġrijiet PMU kellhom isegwu regoli speċifiċi fosthom dak li jiddikjaraw il-ġerrej u x’tip ta’ nagħal ħa jintuża minn diversi ġranet qabel. Dan sabiex l-informazzjoni tasal fil-ħin għand id-diriġenti tal-PMU biex tiġi mwassla lill-klijenti tagħhom. Is-sitt finali jidhru li ser ikunu ferm ibbilanċjati u għalhekk joffru spettaklu għal dawk kollha preżenti. Lorraine Cunningham Public Relations & Media Officer Malta Racing Club MRC/17/15