Wednesday 21st July 2010
U*BET HorseRacing Malta - Sicily Encounter Race 2010

Il-Malta Racing Club ħabbar li t-2010 Malta-Sicily Encounter Race ser tinżamm għall-ewwel darba fil-Korsa tal-Marsa nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju 2010.

Il-U*BET HorseRacing Malta – Sicily Encounter Race hija l-ewwel tax-xorta tagħha għaliex 8 żwiemel Taljani ser ikunu qed iżuru pajjiżna għal tiġrija unika. Dr. Matthew Brincat, ic-Chairman tal-Malta Racing Club qal li wara s-suċċess miksub fl-avveniment tas-sena l-oħra fejn 8 żwiemel ta’ sidien Maltin telgħu biex jikkompetu Sirakuża fl-Ippodromo del Mediterraneo fi dwell ma żwiemel ta’ sidien Taljani, issa dan id-dwell ser jinqasam f’żewġ tapep. L-ewwel tappa li ser tinżamm fit-23 ta’ Lulju fil-korsa tal-Marsa u it-tieni tappa li ser tinżamm fi Sqallija fl-1 ta’ Awwissu.

Dr Brincat kompla li għalkemm f’pajjiżna ospitajna diversi ġerrejja barranin biex jikkompetu f’pajjiżna din ser tkun l-ewwel darba li ġerrejja ser jinġiebu biż-żwiemel b’kollox f’Malta. Sa minn meta ġie maħtur dan il-Kunsill il-ġdid taħt it-tmexxija ta’ Dr. Brincat, saret ħidma sfieqa biex jiġu organizzati avveniment uniċi li jattiraw aktar nies lejn l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

Is-Sur Cassar, id-Direttur Ġenerali ta’ MALTCO LOTTERIES Ltd qal li MALTCO LOTTERIES ilhom jaħdmu flimkien għal dawn l-aħħar sentejn mal-Malta Racing Club. Huwa stqarr li r-relazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet hija waħda tajba ħafna. Is-Sur Cassar kompla li huwa jinsab kuntent li permezz ta’ waħda mil-logħbiet tagħhom jiġifieri l-U*BET HorseRacing qed tkun parteċipi f’dan l-ewwel avveniment tax-xorta tiegħu. Il-U*BET HorseRacing ilha topera għal aktar minn sentejn f’Malta permezz tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-Iżvezja li jintwerew b’mod dirett fil-ħwienet tal-MALTCO LOTTERIES wara nofs in-nhar, filgħaxijiet, fost il-ġimgħa inkluż il-V75, l-aktar tiġrija magħrufa, li ssir kull nhar ta’ Sibt.

Il-U*BET HorseRacing Malta – Sicily Encounter Race tikkonsisti fi 18-il parteċipant, 10 żwiemel ta’ sidien Maltin u 8 żwiemel ta’ sidien Taljani. Dawn ser jiġru żewġ tiġrijiet fl-istess ġurnata fuq distanza ta’ 1,640 metru. Il-programm ser jinkludi heat bejn parteċipanti Maltin u heat oħra għall-parteċipanti Taljani. L-ewwe ħamsa ta’ kull heat ser jipparteċipaw fil-finali prinċipali filwaqt li l-kumplamet ser jipparteċipaw f’tiġrija ta’ konsolazzjoni.

Fi tmiem tal-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Brincat u s-Sur Cassar irringrazzjaw lil dawk kollha involuti speċjalment lill-organizzaturi u s-sidien taż-żwiemel f’dan l-avveniment storiku fl-istorja tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’pajjiżna.