Wednesday 20th April 2016
Equality Tazza l-Kbira



MALTA RACING CLUB  


Since 1868


 



Equality Tazza l-Kbira


 


Nhar il-Ħadd 24 t’April ser issir edizzjoni oħra ta’ l-aqwa kompetizzjoni tat-trott fil-kalendarju Malti meta ssir il-finali tat-Tazza l-Kbira li din is-sena qed tiġi sponsorjata mid-ditta Equality.


 


L-entużjażmu fost is-sidien bħal dejjem kien wieħed kbir għax ix-xewqa ta’ kull dilettant hija li xi darba wieħed inaqqax ismu fuq dan it-trofew prestiġjuż li jġorr miegħu l-akbar unur ta’ l-istaġun.


 


Ħames tiġrijiet kwalifikattivi saru l-Ħadd 27 ta’ Marzu fejn b’kollox ipparteċipaw 57 żiemel wara li tlieta ġew irtirati. Waqt dawn it-tiġrijiet ġie rreġistrat l-aqwa ħin qatt irreġistrat f’din il-kompetizzjoni fuq id-distanza attwali ta’ 2640m meta Pedro Vici taħt il-gwida ta’ Johann Axisa irreġistra medja ta’ 1’13”9. Sfortunatament dan iż-żiemel ma kellux jipparteċipa fis-semi finali peress li miet ftit jiem qabel.


 


Iż-żewġ semi finali saru nhar l-10 t’April b’disa’ t’iżwiemel f’kull waħda biex għaddew sitta minn kull tiġrija. Fost it-tnax il-żiemel finalist insibu erbgħa li kienu wkoll finalisti s-sena l-oħra nkluż ir-rebbieħ Qui Sait li ser ikun qed jittama li jsir ir-raba’ żiemel li jirbaħ aktar minn edizzjoni waħda tat-Tazza l-Kbira. 


 


S’issa kien Ike Williams C li rebaħ dan l-unur 4 darbiet fis-snin 1962, 1963, 1965 u 1966 filwaqt li Voe Sole rebaħ iż-żewġ edizzjonijiet ta’ l-1952 u 1953. Riċentament James de l’Iton ħareġ rebbieħ konsekuttivament fl-2008 u l-2009. L-aqwa ħin irreġistrat fil-finali kien propju dak tas-sena l-oħra meta Qui Sait misjuq minn Rodney Gatt irreġistra medja ta’ 1’15”2 għalkemm ir-rekord nazzjonali fuq din id-distanza huwa ta’ 1’13”6.


 


Kienu s-sidien stess li tellaw in-numru li ż-żiemel tagħhom ser jitlaq bih wara l-karozza tat-tluq nhar il-Ħadd u dan bħas-soltu sar waqt il-programm televiżiv Sal-Ġister.


 


Ma jistax jonqos li avveniment bħal dan ikollu assoċċjazzjoni ma għan filantropiku u waqt il-programm ta’ tiġrijiet ser ikun hemm preżenti voluntiera mill-Għaqda Solidarjeta bl-Isport sabiex jinġabru fondi għall-Community Chest Fund b’riżq l-Istrina. Din hija l-ewwel ġabra minn sensiela li jsiru matul l-istaġun sabiex is-somma finali tkun waħda ġeneruża.  Ta’ dan bħal dejjem nirringrazzjaw lil dawk kollha li jikkontribwixxu. Barra minn hekk waqt il-programm ser tiġi rkantata pittura li saret mill-artist Ray Farrugiau li l-qliegħ tagħha ser imur għal Puttinu.


 


Il-programm tal-Ħadd bħal kull sena jkun imżewwaq ukoll bi spettaklu ta’ karozzi u muturi li jiffurmaw parti mill-parata li fiha jieħdu sehem is-sidien u s-sewwieqa taż-żwiemel finalisti.  Iż-żwiemel finalisti ukoll joħorġu parata li din is-sena ser tkun immexxija mir-rebbieħ tas-sena 2014 Cloria Victis.


 


It-tiġrija nnifisha tkun is-seba’ waħda tal-programm u tibda fil-16:40.  It-total ta’ premjijiet huwa €4950 li minnhom €2700 imorru għar-rebbieħ. Hemm trofej u premjijiet fi flus sal-ħames post biż-żiemel rebbieħ jingħata wkoll għata kommemorattiva u d-dritt li s-sid iżomm għandu t-Tazza l-Kbira għal sena. It-tnax il-żiemel finalist jingħataw għata kommemorattiva kull wieħed li tintuża waqt il-parata u n-numri tat-tluq jingħatawlhom ukoll bħala rikordju ta’ l-okkkażżjoni.


 


Il-pubbliku in ġenerali huwa mħeġġeġ sabiex il-Ħadd ikun preżenti l-Korsa tal-Marsa sabiex jassisti għal din il-finali li żgur ser tkun waħda missielta u li toffri spettaklu.


 


Waqt l-istess programm ser ikun hemm ħames tiġrijiet għall-Klassi Gold li r-rebbieħ tagħhom ser jingħata 200 ewro voucher mid-ditta Equality l-isponsors tat-Tazza l-Kbira.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


MRC/03/16


 


 


 


 

Malta Racing Club, Racecourse Street, Marsa.


Tel: 21224800


E-mail: info@maltaracingclub.com


Website: www.maltaracingclub.com




Full members of UET