Thursday 5th August 2010
Charles Camilleri f'Cagnes Sur Mer


Il-ġerrej Malti għall-5 tappa tal-Mediterranean Horseracing Union Championship ser ikun l-aqwa ġerrej tal-kampjonat 2009, Charles Camilleri. Wara l-ewwel 4 tappep, Malta tinsab fit-3 post overall f’dan il-kampjonat, dan grazzi għall-wirjiet eċċellenti tal-ġerrejja Maltin parteċipanti f’dawn it-tappep.

Il-Mediterranean Horse Racing Championship 2010 tat-trott, huwa kompost minn 8 tappep imħaddna f’diversi pajjiżi fosthom Franza, Malta, l-Italja, is-Serbja, is-Slovenja, il-Kroazja, ir-Russja u l-Alġerija. Qabel telqu lejn il-korsa ta’ Cagnes Sur Mer fi Franza, is-Sur Mark Vella d-Direttur tal-Marketing fi ħdan il-Malta Racing Club qal li l-Malta Racing Club huwa kburi li għal darb’ oħra ser ikun rappreżentat b’sewwieq Malti f’avveniment internazzjonali. Huwa kompla billi qal li wara l-parteċipazzjoni suċċess fl-Hippodromo del Mediterraneo fi Sqallija fi tmiem il-ġimgħa l-oħra b’James de L’Iton, żiemel ta’ sidien Maltin u misjuq mill-ġerrej Malti, Noel Baldacchino, irnexxielu jirbaħ tiġrija prestiġuża, nisperaw li issa jkollna parteċipazzjoni oħra suċċess fi Franza.

Is-Sur Vella kompla li l-klabb huwa impenjat li jibgħat aktar ġerreja Maltin jieħdu esperjenzi f’avvenimenti internazzjonali. Huwa qal li esperjenzi bħal dawn jgħollu isem Malta fl-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel kif ukoll jiġi mtejjeb il-livell tat-tiġrijiet taż-żwiemel fuq livell lokali.

Il-Malta Racing Club ser ikun qed jipparteċipa fl-aħħar tlett tappep li ser isiru fir-Russja, il-Kroazja u l-Alġerija. Charles Camilleri, fl-2009 spiċċa l-aħjar ġerrej bi 32 rebħa filwaqt li plejsja 96 darba. Din it-tiġrija ser tinżamm nhar il-Ġimġħa fl-Hippodrome de Cagnes Sur Mer fuq distanza ta’ 2700m. It-tiġrija hija skedata li tibda fl-21:45hrs. Charles Camilleri ser ikun qed isuq iż-żiemel bin-numru 6, Organdina.