Wednesday 21st December 2016
Twanny Bugeja Memorial

Dalgħodu fil-boardroom tal-Malta Racing Club saret Konferenza Stampa sabiex jitħabbru d-dettalji tal-programm ta’ tiġrijiet li ser isir fl-Istrina fil-Korsa tal-Marsa b’dedikazzjoni għall-memorja ta’ Twanny Bugeja.


 


Indirizzaw din il-Konferenza Stampa il-Ministru tal-Finanzi l-Onorevoli Edward Scicluna u c-Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg.  Preżenti kien hemm ukoll is-Sinjura Polly Bugeja l-armla ta’ Twanny Bugeja.


 


L-ewwel ma tkellem kien ic-Chairman tal-Malta Racing Club li qal li il-programm tal-festi tal-Milied huwa dejjem wieħed ferm mistenni mid-dilettanti kollha għaliex dakinhar it-tiġrijiet ikunu differenti minn tas-soltu, forma ta’ festa fejn wieħed jinsa x-xogħol kollu u s-sagrifiċji ta’ matul is-sena u jinżel biex jieħu gost ma ħbieb u familjarji.  Dakinhar is-sidien għandhom opportunita li jsuqu iż-żwiemel tagħhom stess fejn forsi matul l-istaġun regolari huma jkunu jippreferu li jħallu ġerrejja b’aktar esperjenza minnhom sabiex isuqu fit-tiġrijiet ta’ matul l-istaġun.  Ħafna minn dawn il-ġerrejja jkunu qed ifittxu li jirreġistraw l-ewwel rebħa tagħhom u għal oħrajn jippruvaw jagħlqu sena b’rebħa fejn forsi kellhom staġun ħażin u ma rebħu l-ebda tiġrija.


 


Din is-sena dan il-programm tal-Milied ser ikollu sinifikat aktar speċjali fejn ser ikun iddedikat lil Twanny Bugeja bniedem li żgur m’għandu bżonn ta’ l-ebda ntroduzzjoni mad-dilettanti kollha tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Kien ġurnalista tat-tiġrijiet u kummentatur tal-korsa għall-bosta snin. Sfortunatament ħallina sentejn ilu wara li tilef il-battalja tal-marda qerrieda tal-kanċer – dak iż-żmien huwa kien qed iservi bħala segretarju ġenerali tal-Malta Racing Club.


 


Kienet ix-xewqa tal-Ministru tal-Finanzi l-Onorevoli Edward Scicluna li jiġi mniedi dan il-programm bħala tifkira għall-memorja ta’ Twanny Bugeja u għalhekk ingħataw fondi mill-good causes fund sabiex ikunu jistaw isiru dawn it-tiġrijiet. Hija l-intenzzjoni li din tkun l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival u jibqa jsir kull sena.


 


Il-programm ta’ tiġrijiet ser ikun wieħed varjat u ta’ spettaklu għal kulħadd u jinkludi tiġrijiet tal-ponijiet, galopp u trott. Minn barra premjijiet ta’ flus ir-rebbieħa ser ikunu qed jingħataw tifkira ta’ l-okkażjoni.


 


Huwa ħa din l-okkażjoni biex l-ewwel nett irringrazzja lill-Ministru Scicluna ta’ din l-għajnuna finanzjarja u barra minn hekk jagħti  l-isbaħ xewqat għal Milied ħieni u sena mimlija ġid u barka lis-sidien, ġerrejja u dilettanti kollha nkluż lill-familjari tagħhom.


 


Minn naħa tiegħu l-Onorevoli Edward Scicluna qal li l-Ministeru tal-Finanzi qed jgħin finanzjarjament sabiex ikun organiżżat l-ewwel edizzjoni ta’dan il-Festival Ekwestriju għall-memorja ta’ Twanny Bugeja li kien ġurnalista sportiv b’rabta speċjali mat-tiġrijiet taż-żwiemel għall-aktar minn 37 sena.



Fid-diskors qasir li għamel huwa onora l-memorja ta’ Twanny Bugeja fejn elenka l-kwalitajiet sbieħ tal-karattru tiegħu u l-ħidma biżla li kien iwettaq f’dak kollu li kien jidħol għalih – l-impjieg prinċipali tiegħu, il-ġurnaliżmu miktub, preżentatur fuq it-televiżjoni, kummentatur tal-korsa, segretarju ġenerali fil-kunsill tal-Malta Racing Club u anke kunsillier.  Huwa qal li hemm ħafna metodi kif jibqa mfakkar bniedem iżda żgur li dan il-Festival Ekwestriju huwa l-isbaħ mod għal Twanny Bugeja meta wieħed jaf il-passjoni li kellu lejn it-tiġrijiet taż-żwiemel.



It-Twanny Bugeja Equestrian Festival ser isir nhar it-Tnejn 26 ta’ Diċembru fil-Korsa tal-Marsa u ser ikun jikkonsisti minn diversi tiġrijiet tal-ponijiet, trot u galopp u huwa mehjun mill-Fond tal-Kawżi Ġusti tal-Lotteriji Nazzjonali.




Lorraine Cunningham

Public Relations & Media

Malta Racing Club



MRC/10/16