Thursday 19th October 2017
Finali Tazza tal-President

Illum wara nofsinhar saret konferenza stampa fil-Malta Racing Club rigward il-Finali tat-Tazza tal-President li ser tinġera l-Ħadd 29 t’Ottubru.  Din il-Konferenza stampa kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele u is-Sinjura Valerie Farrugia f’isem Solidarjeta bl-Isport.


 


Għal sena oħra l-Malta Racing Club iddeċieda li jżomm l-appuntament annwali mad-dilettanti kollha billi jorganiżża t-Tazza tal-President taħt il-Patronċinju ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Dan huwa t-tieni l-akbar unur, wara t-Tazza l-Kbira, li żiemel tat-trott jista jirbaħ lokalment u l-edizzjoni ta’ din is-sena hija is-17 il-waħda minn mindu tnediet fis-Sajf ta’ l-1992.


 


Il-kitba tal-parteċipazzjoni kienet miftuħa għaż-żwiemel kollha tal-Klassi Premier fejn il-Ħadd l-1 t’Ottubru saru 4 heats b’total ta’ 45 żiemel li minnhom ikkwalifikaw 24 għas-semi finali. Dawn saru nhar il-Ħadd li għadda meta ġew magħrufa it-tnax il-finalist.


 


Kif  inhi t-tradizzjoni ta’ din it-tiġrija huma s-sidien stess taż-żwiemel finalisti jew rappreżentanti tagħhom li jagħżlu n-numru tat-tluq wara l-karozza. L-ordni ta’ l-għażla hija skond il-pjazzament u l-ħin reġistrat fis-semi finali.


 


Din is-sena wkoll, bħal ma sar f’dawn l-aħħar snin ser ikunu t-tfal li jwasslu lis-sewwieqa finalisti fuq xrieret bil-ponijiet sabiex jiġu ppreżentati b’tifkira ta’ l-okkażjoni mill-President ta’ Malta. Mal-wasla ta’ l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, il-kantant ċkejken Teo Zammit ser ikanta l-Innu Malti.


 


Il-fond tal-premjijiet jammonta għal 3600 Ewro bir-rebbieħ jieħu s-somma ta’ 2025 ewro, għata kommemorattiva u d-dritt li jżomm għal sena it-trofew prestiġjuż xogħol l-artist George Muscat. Jingħataw trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet.


 


S’intendi bħal dejjem din il-Finali ġġorr magħha skop filantropiku dik li jinġabru fondi għall-Istrina fi ħdan il-Community ChestFund. Għal dan il-għan il-voluntiera ser ikunu qed iduru bil-bottijiet sabiex jilqaw id-donazzjonijiet tal-pubbliku. Barra minn hekk aħna nħeġġu wkoll lis-Sidien rebbieħa sabiex bħal dejjem ikunu ġenerużi u jiddonaw parti mill-premju lill-Istrina.


 


Iż-żwiemel finalisti  joħorġu parata qabel it-tiġrija b’għotjien li jingħataw lilhom mill-Malta Racing Club. Imexxi din il-parata se jkun iż-żiemel rebbieħ tas-sena l-oħra Uhal Berven.


 


 


Mit-tnax huwa biss Royal de Vaiges li kien fil-finali tas-sena l-oħra u inċidentalment iż-żwiemel huma kollha Franċiżi.


Iż-żwiemel finalisti fl-ordni li għażlu s-sidien u l-ġerrejja tagħhom huma dawn:


 


1.       SPIRIT DES LOGOS (Julian Farrugia)


2.       THOURY LE KING (Clint Vassallo)


3.       UNREFUNDABLE (Anton Cassar)


4.       RIFIFI NONANTAIS (Noel Baldacchino)


5.       TIPOL DE NAPPES (Michael Ghigo)


6.       TIP TOP NELLIERE (Michael Ellul)


7.       URIDO D’ALBAN (Mario Fenech)


8.       SERVICE SECRET (Andrew Farrugia)


9.       SAPHIR DU PERCHE (Cliferty Calleja)


10.   TEMPS PERDU (Herman McKay)


11.   ROYAL DE VAIGES (David Ellul)


12.   TURNOVER (Frencu Cassar)


Lista tar-Rebbieħa Preċedenti tat-Tazza tal-President:


 


Sajf 1992         Zito Bob (Tony Tanti)


1992/1993       Sanit (Charles Clifton)


1993/1994       Alto Be (Frencu Cassar)


1994/1995       Major Bill (John Briffa)


1995/1996       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1996/1997       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1997/1998       Captain Trackline (Joseph Scicluna)


1998/1999       Bambin d’Orleans (Philip Giordmaina)


2004                Huit Mars (Michael Seychell)


2010                Lucas Ness (Mario Farrugia)


2011                Livi Cantona (Charles Camilleri)


2012                Mont Cenis Honey (Noel Baldacchino)


2013                Gently di Poggio (Brian Zammit)


2014                Pedro Vici (Johann Axisa)


2015                Vasterbo Paradise (Claudio Refalo)


2016                Uhal Berven (Rodney Gatt)


 


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


MRC/05/17