Wednesday 14th March 2018
BOV Tazza l-Kbira


Il-Bank of Valletta qed jappoġġja it-'Tazza l-Kbira 2018 ', l-akbar tellieqa fil-kalendarju tat-tigrijiet taż-żwiemel lokali.


 


L-aqwa 76 żiemel f’Malta se jkunu qed jipparteċipaw f’sitt heats nhar il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018, bl-aqwa sitt żwiemel f’kull heat jipparteċipaw fi tlett semi finali li se jsiru fit-8 t’April 2018. L-ewwel 4 żwiemel  li jidħlu f’ kull semi finali jgħaddu għall-finali tal-BOV it-Tazza l-Kbira nhar it-22 t’April 2018. It-tiġrijiet kollha huma kkontestati fuq id-distanza tradizzjonali ta’ 2640 metru.


 


It-Tazza l-Kbira 2018 tnediet uffiċjalment waqt konferenza stampa li saret fil-sala tal-konferenzi tal-Malta Racing Club u indirizzata mis-Sur Edwin Borg u s-Sur Thomas Cunningham Chairman u Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club rispettivament u Charles Azzopardi, Eżekuttiv fil-PR & Marketing tal-Bank of Valletta.


 


‘Il Tazza l-Kbira 2018, 84 sena mill-ewwel edizzjoni li saret fl-1934, hija l-akbar unur fil-tlielaq tat-trott f’Malta, u tiġbed l-aqwa żwiemel  kif ukoll l-akbar premjijiet’ qal is-Sur Borg. ‘L-edizzjoni ta' din is-sena tinkludi biss żwiemel mill-klassi Premier li joriġinaw minn erba' pajjiżi differenti, li magħhom hemm 12-il debuttant.’


 


‘Meta l-finalisti jsiru magħrufa, se jkunu is-sidien taż-żwiemel stess li jtellgħu n-numri tat-tluq tagħhom għall-finali,’ kompla s-Sur Borg. "Il-finali, minbarra li tkun l-aqwa tellieqa tas-sena, tkun ukoll avveniment għall-familja kollha bi programm ta’ divertiment spettakolari għal dawk kollha li jkunu preżenti.’


 


Is-Sur Cunningham spjega li għalkemm fl-aħħar snin ġie stabbilit il-limitu ta’ 72 żiemel f'din il-kompetizzjoni, minħabba li l-għadd ta' żwiemel fl-ogħla kategorija żdied u wħud mill-sidien importaw żwiemel apposta għal din il-kompetizzjoni, ġie deċiż li nakkomodaw iz-żwiemel kollha tal-kategorija Premier, għaldaqstant iż-żieda fin-numru għal 76. Dan ifisser li kellha ssir bidla fir-rounds tal-kwalifikazzjoni.


 


Il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda wkoll li l-premju fi flus kellu jirrifletti l-importanza ta' din it-tellieqa u għalhekk għandu  jinagħta l-akbar premju tal-istaġun. Dan ifisser żieda fl-ammont totali tal-premjijiet ta’ €1600 għal total ta’ €6550 bir-rebbieħ jirċievi €3500.


 


Is-Sur Cunningham iddikjara  wkoll li sabiex jiġu żgurati l-aqwa kundizzjonijiet għat-tlielaq, il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda li jagħmel manteniment fuq il-wiċċ tal-korsa u bħalissa qed isiru x-xogħlijiet fuq ir-ramel u twittija xierqa.


‘Il-Bank of Valletta għandu tradizzjoni mat-tiġrijiet taż-żwiemel u kien jappoġġja it-Tazza BOV lejn l-aħħar tas-snin 70 u s-snin 80’ qal Charles Azzopardi. ‘F'din il-kollaborazzjoni riċenti mal-Malta Racing Club, qed nippromwovu l-eċċellenza fl-isport billi nappoġġjaw l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tas-sena.’


 


‘Il-Bank of Valletta huwa sinonimu ma' l-isport f'Malta’, kompla s-Sur Azzopardi. ‘Nippromwovu l-eċċellenza fl-isport, u għalhekk huwa tabilħaqq pjaċir kbir tagħna li nikkollaboraw mal-Malta Racing Club fl-ogħla unur fil-kalendarju tagħhom’.


 


It-Tazza l-Kbira saret l-ewwel darba fl-1934.  Pedro Vici, taħt il-gwida ta' Johann Axisa irreġistra l-aqwa ħin fuq id-distanza f’waħda mill-heats tal-2016 bil-ħin ta’ 1'13”9, b’Ike Williams C għandu r-rekord għall-aktar rebħiet, fejn rebaħha  erba’, darbiet fl-1962, 1963, 1965 u 1966.