Monday 21st October 2019
Finali Tazza Johnnie Walker


Illum wara nofsinhar waqt konferenza stampa fil-board room tal-Malta Racing Club ingħataw l-aħħar dettalji dwar il-finali tat-Tazza Johnnie Walker filwaqt li ttellaw il-poloz taż-żwiemel finalisti.


 


Il-konferenza stampa kienet indirizzata miċ-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg flimkien mal-Marketing Manager ta’ M. Demajo Wines & Spirits Ltd Alfred Braddick.


 


Edwin Borg qal li din hija s-seba’ sena konsekuttiva li l-isponsor M.Demajo Wines & Spirits kienu qed jisponsorjaw dan il-Kampjonat Johnnie Walker fejn għal dawn l-aħħar sitt snin qed jiġi abbinat ma’ żwiemel tat-trott kategorija Gold. Din it-Tazza prestiġjuża din is-sena qed tagħlaq 80 sena minn mindu saret għall-ewwel darba fl-1939.


68 żiemel ħadu sehem f’seba’ heats li nġrew il-Ġimgħa u l-Ħadd 4 u 6 t’Ottubru bi 28 żiemel jgħaddu għal tliet semi finali li saru l-bieraħ u minnhom ikkwalifikaw it-tnax il-finalist. Sfortunatament wieħed miż-żwiemel ġie rtirat qabel il-polza u għalhekk se jkunu 11 li se jikkompetu bejniethom il-Ħadd 3 ta’ Novembru.


 


Alfred Braddick qal li issa sar jistenna b’antiċipazzjoni din il-kompetizzjoni annwali li toffri spettaklu mhux biss lid-dilettanti iżda lid-diversi mistiednin li l-Kumpanija M.Demajo Wines & Spirits tospita sabiex isegwu l-finali magħhom. Huwa awgura lis-sidien u s-sewwieqa kollha tiġrija tajba filwaqt li wiegħed li għas-sena d-dieħla peress li l-Johnnie Walker kien ser jagħlaq 200 sena l-Kampjonat tas-2020 kien se jkun wieħed speċjali.


 


Il-fond tal-premjijiet jammonta għal total ta’ €1600 u jingħataw trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet. Iż-żiemel rebbieħ jieħu wkoll għata kommemorattiva.  Barra minn hekk ma jistax jonqos li s-sidien rebbieħa ikollhom biex jiċċelebraw u għal dan il-Kumpanija M.Demajo Wines & Spirits Ltd ser tagħti flixkun Johnnie Walker Blue Label lir-rebbieħ, Johnnie Walker 18 year old lil tat-tieni, Johnnie Walker Gold Reserve lil tat-tielet u Johnnie Walker Green Label lil min jispiċċa fir-raba’ post.


 


Fit-tmiem tal-konferenza stampa it-tnax il-sid tellaw polza sabiex saru magħrufa n-numri li bihom ser jitilqu ż-żwiemel wara l-karozza. It-tiġrija hija s-seba’ waħda fil-programm u tibda fl-4:00 pm. Il-poloz telgħu hekk:


 


1.       SOS AMOR


2.       OLIWER HIP


3.       VENICIO BELLO


4.       A NOUS BOSDARROS


5.       JIM SANNA


6.       VASCO DE MONTMARCE


7.       FRISCO RUNNER


8.       JANSKE


9.       AND HERE I AM


10.    10. CLARA DU BOCAGE


11.    ROYAL IN


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/12/19