Monday 29th March 2010
TNEDIJA TAS-SIT ELETRONIKU TAL-MALTA RACING CLUB

F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Malta Racing Club, Dr Matthew Brincat, iċ- Chairman tal-klabb nieda uffiċjalment il-website ġdida tal-klabb bl-indirizz www.maltaracingclub.com.

Is-sur Mark Vella, Direttur tal-Marketing tal-Malta Racing Club ta’ ħarsa lejn il-kontenut tas-sit u spjega l-materjal li wieħed jista’ jsib f’dan is-sit. Fost l-aktar fatturi nteressanti li wieħed jista’ jsib huwa li dawk id-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel għandhom il-faċilità li jaraw ir-riżultat tat-tiġrijiet f’real time dan għaliex hekk kif tispiċċa t-tiġrija u joħroġ ir-riżultat uffiċjali, dan jiġi ppubblikat immedjatament f’dan is-sit. Ta’ min jgħid ukoll li kull dilettant ser ikun jista jara l-photo finish ta’ kull tiġrija f’dan is-sit.

Dan is-sit eletroniku jinkludi wkoll informazzjoni vasta fuq kull ġerrej, jockey u ż-żwiemel li jsuqu. Is-Sur Vella kompla billi qal li mat-twaqqif tal-Kunsill il-ġdid, l-amministrazzjoni ħasset li tiġbor l-informazzjoni kollha fuq sistema tal-kompjuter. Hekk kif dan ix-xogħol kien lest ġie żviluppat dan is-sit fejn jinkludi ħafna mill-informazzjoni miġbura.

Dr Matthew Brincat ikkonkluda billi qal li fid-dinja tal-lum huwa importanti li toffri l-informazzjoni fuq sit eletroniku li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Dan joħloq mhux biss interess mad-dilettanti lokali iżda wkoll mas-segwaċi ta’ dan l-isport f’pajjiżi barranin.