Wednesday 7th April 2010
It-Tazza l-Kbira tal-Emirates: ir-rebbieħ ikun magħruf il-Ħadd

Il-Malta Racing Club se jorganizza t-tiġrija finali tal-Emirates’ It-Tazza l-Kbira l-Ħadd fil-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa.

It-trofew prestiġġjuż tat-tiġrijiet taż-żwiemel ta’ żmien il-Għid, It-Tazza l-Kbira, se jmur għand iż-żiemel rebbieħ li nhar il-Ħadd jegħleb lid-disa’ kompetituri oħra li kkwalifikaw għal din it-tiġrija. Il-finalisti, li se jkunu qed jissieltu kontra xulxin f’din it-tiġrija fuq 2640 metru bl- Autostart, huma:

1. IN VITRO DU BOURG
2. ACES AMERIC
3. LYS DE L'OASIS
4. KAKISIS
5. LE BON MAYENNAIS
6. LOULOU DU LAMEE
7. ISOLATED
8. L'IDEAL DE FERSAN
9. JAMES DE L'ITOL
10. LOVER BOY INDEX

Ir-rebbieħ se jingħata It-Tazza l-Kbira, it-trofew tant mixtieq. Dan jinżamm mir-rebbieħ għal sena. Il-fond tal-premjijiet jammonta għal €3,900, li jikkonsisti f’€2,500 għar-rebbieħ, €800 għal min jidħol it-tieni; €400 għat-tielet u €200 għal min jispiċċa fir-raba’ post. Dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet se jingħataw trofew kull wieħed.

Għata taż-żwiemel tal-Emirates se tiġi ppreżentata wkoll liż-żiemel rebbieħ.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se titmexxa mis-sur Paul Fleri Soler, il-Maniger tal-Emirates għal Malta u Ċipru. Din hi t-tieni sena konsekuttiva li l-Emirates Airline ssieħbet mal-Malta Racing Club.

Fleri Soler qal: “L-Emirates kienet attirata lejn dan l-isponsorship għal żewġ raġunijiet ewlenin, it-tiġrijiet taż-żwiemel igawdu tradizzjoni kbira fost eluf ta’ dilettanti liema tradizzjoni tmur lura għal ħafna snin, u t-tieni, It-Tazza l-Kbira tgawdi prestiġju kbir u hi l-unika tiġrija taż-żwiemel f’Malta miftuħa għaż-żwiemel kollha tat-trott kif ukoll għall-klassijiet kollha. Għahekk, permezz ta’ din il-kompetizzjoni, aħna se nkunu nafu liema hu l-aqwa żiemel u l-aqwa ġerrej tat-trott f’Malta għas-sena 2010.”

Din il-Finali, li se ssir il-Ħadd li ġej, se taħbat fil-141 anniversarju minn meta saret l-ewwel tiġrija taż-żwiemel organizzata mill-Malta Racing Club, fl-1869.

Meta kien qed jitkellem għan-nom tal-ġerrejja u d-dilettanti taż-żwiemel, iċ-Chairman tal-MRC Dr Matthew Brincat, irringrazzja lil Emirates Airline talli pprovdiet l-appoġġ finanzjarju meħtieġ. “Meta tkun qed tappoġġja It-Tazza l-Kbira, l-Emirates tkun qegħda tappoġġja tradizzjoni siewja għall-komunita’ Maltija tat-tiġrijiet taż-żwiemel u fl-istess ħin tkun qed tkabbar l-interess f’avvenimenti prestiġġjuzi bħal dawn li huma appoġġjati mill-Emirates fosthom id- Dubai World Cup u l-Melbourne Cup,” hu qal.

Il-programm tal-Ħadd jibda fis-2.00pm l-ewwel minn tmien tiġrijiet. Il-Finali, li hi s-seba’ tiġrija fil-programm, tibda fl-4.30 pm.