Monday 1st May 2023
Kampjonat Ewropew għal Sewwieqa Nisa Amateurs


Fil-jumejn li ġejjin in-Norveġja se tkun qed tospita l-Kampjonat Ewropew għal sewwieqa nisa amateurs organizzat flimkien mal-għaqda internazzjonali FEGAT li tirrappreżenta s-sewwieqa amateurs.


 


Din se tkun l-ewwel darba li Malta tipparteċipa f’dan il-kampjonat u r-rappreżentanta Maltija se tkun iż-żagħżugħa Cherise Farrugia.


 


Farrugia, li għad għandha biss 18-il sena, ilha liċenzjata bħala sewwieq mal-Malta Racing Club minn Ottubru 2020 fejn s’issa rnexxiela tirbaħ total ta’ 35 tiġrija, sitta minnhom din is-sena. Għal dawn l-aħħar sentejn hija kienet iddikjarata bħala l-aħjar sewwieq żagħżugħ taħt il-25 sena u diġà kellha opportunità li tirrappreżenta lill-pajjiż fil-korsa ta’ Vincennes Pariġi meta f’Jannar 2022 ħadet sehem fil-Coupe d’Europe des Amateurs.


 


Hija mistennija tkun fl-azzjoni għada t-Tlieta 2 ta’ Mejju fil-korsa ta’ Bjerke b’żewġt iżwiemel filwaqt li l-Erbgħa ssuq tiġrija waħda fil-korsa ta’ Momarken.


 


F’din il-kompetizzjoni se jkunu qed jipparteċipaw 13-il sewwieqa femminili b’uħud minnhom ta’ esperjenza kbira fil-qasam internazzjonali fosthom ir-rebbieħa tas-snin 2015, 2017 u 2018 kif ukoll it-Taljana Elena Villani Orlando li apparti li spiċċat it-tieni fl-edizzjoni tas-sena l-oħra b’punti daqs ir-rebbieħa fil-Kampjonat Dinji spiċċat fit-tielet post.


 


Il-pajjiżi li se jipparteċipaw huma Awstrija, Belġju, Danimarka, Fillandja, Ġermanja, Ungerija, Italja, Norveġja, Olanda, Spanja, Żvezja, Żvizzera u sintendi Malta.


 


Jakkumpanja lil Cherise Farrugia f’isem il-Malta Racing Club hemm is-Sur Josef Grixti.


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/07/23