Saturday 16th August 2014
KAMPJONAT EWROPEW GĦAL ĠERREJJA PROFESSJONALI

Nhar il-Ħadd li ġej il-ġerrej Noel Baldacchino se jmur l-Isvezja sabiex jirraprezenta lil Malta fil-Kampjonat Ewropew għal ġerrejja professjonali li din is-sena ser isir fil-koros ta’ Solanget u Umea nhar it-Tnejn u t-Tlieta 18 u 19 t’Awissu.


F’dan il-kampjonat jieħdu sehem l-aqwa sewwieqa ta’ l-Ewropa li din is-sena barra Baldacchino huma – Hubert Brandstatter Jr (Awstrija), Knud Monster (Danimarka), Mika Forss (Fillandja), Tony Le Beller (Franza), Michael Nimczyk (Ġermanja), Hugo Langeweg Jr (Olanda), Vidar Hop (Norveġja), Branislav Mukic (Serbia), Guillermo Andreau Adover (Spanja) u Bjorn Goop (Svezja). Minn dawn l-aktar wieħed li rebaħ tiġrijiet fis-sena 2013 huwa l-Isvediz Bjorn Goop li minn 2084 tiġrija rebah 367 u qed jittama li jirnexxielu jirbaħ dan il-Kampjonat f’pajjizu. F’dawn l-aħħar snin dan il-kampjonat qed isir kull sentejn peress li jolterna mal-Kampjonat Dinji li wkoll isir kull sentejn.


Is-sewwieqa li jispiċċaw fl-ewwel ħames postijiet ta’ dan il-kampjonat jiksbu d-dritt li jipparteċipaw fil-Kampjonat Dinji li ser isir l-Awstralja fi Frar tas-sena d-dieħla. Is-sena l-oħra l-Kampjonat Dinji ntrebaħ minn Pierre Vercruysse li kien qed jirraprezenta lil Franza filwaqt li l-Kampjonat Ewropew fis-sena 2012 intrebaħ mit-Taljan Enrico Bellei.


Il-ġerrejja jingħataw punti skond fejn jidħlu f’kull tiġrija b’ta l-ewwel jieħu 18, tat-tieni 13, it-tielet 10 u r-raba’ 8 punti bil-pjazzamenti ta’ wara jonqsu b’punt kull darba. Skwalifikazzjoni tingħata punt u jekk iz-ziemel ikun skraċċjat is-sewwieq jieħu 6 punti.


Il-Kampjonat jiftaħ fil-korsa ta’ Solanget nhar it-Tnejn fejn is-sewwieqa jkunu fl-azzjoni f’erba’ tiġrijiet. Din il-korsa hija twila 1004m. L-ewwel tiġrija tkun fis-19:08 bl-autostart fuq distanza ta’ 1646m riservata għal zwiemel li għandhom sa 850,00 krona svediza rebh. Noel Baldacchino ser isuq in-numru 10 Pine Rolls li huwa Norveġiz ta’ 6 snin u jidher li mhux ser ikun wieħed mill-favoriti għar-rebħ.


It-tieni tiġrija tkun fit-19:52 fuq distanza ta’ 2650m riservata għal zwiemel li għandhom sa 175,00 krona svediza rebħ. Hawnhekk Baldacchino ser isuq in-numru 4 Razza Yamoz u għal darb’oħra mhuwiex fost il-favoriti.


Fit-tiġrija ta’ wara s-sewwieqa ser isuqu zwiemel tar-razza Kallblad fuq distanza ta’ 1646m u għal Baldacchino din zgur li ser tkun l-ewwel esperjenza fuq dawn it-tip ta’ zwiemel. Huwa ser jitlaq bin-numru 6 bin-Norveġiz Hogda Kvikk fejn skond it-tbassir ma jidhirx li ser ikun mal-favoriti.


L-aħħar tiġrija f’Solanget titlaq fit-20:36 u fuq distanza ta’ 2148m se jsuqu zwiemel li għandhom sa’ 300,000 Krona Svediza f’rebħ. Hawnhekk jidher li l-polza kienet waħda tajba għal Baldacchino fejn ser isuq ziemel ta’ Robert Bergh Elegance Brodde ikkunsidrat bħala wieħed mill-favoriti għar-rebħ tat-tiġrija. Huwa ser jitlaq bin-numru 3.


L-għada s-sewwieqa jsuqu erba’ tiġrijiet oħra fil-korsa ta’ Umaker. L-ewwel tiġrija tkun it-tielet waħda tal-programm għal zwiemel li għandhom sa Sek 525,000 rebħ u Noel Baldacchino ma tantx jidher li għandu polza tajba peress li huwa kkunsidrat bħala l-anqas ziemel li għandu ċans.  Hawnhekk fuq distanza ta’ 2140m ser isuq in-numru 3 Rally Swing.


It-tieni tiġrija li ser isuqu hawnhekk tkun fuq zwiemel tar-razza kallblad fuq distanza ta’ 2140m. Noel ser jitlaq bin-numru 7 Angskalla fejn jidher li hu bic-cans li jakkwista pjazzament. Is-seba’ tiġrija tal-programm hija fuq distanza ta’ 1640m u miftuħa għal zwiemel bi kwalunkwe rebħ. Baldacchino ħa jsuq lil Bart Sjohammar bin-numru 9 u jidher li f’din it-tiġrija hemm ziemel li ħa jibda bħala favorit assolut biz-zwiemel l-oħra kollha biċ-ċans li jakkwistaw xi pjazzament.


L-aħħar tiġrija f’dan il-kampjonat hija riservata għal dwieb li għandhom sa 250,000 krona svediza f’rebħ b’distanza ta’ 2140m. Noel Baldacchino ħa jsuq in-numru 11 Global Numerous u ma jidhirx li ħa jkun fost il-favoriti għar-rebħ tat-tiġrija.


L-ewwel premju f’kull tiġrija huwa ta’ 40,000 Krona Svediza.


Dan il-Kampjonat ilu jsir mis-sena 1969 fejn l-ewwel edizzjon kien rebaħa n-Norveġiz Karsten Buer.


Noel Baldacchino jirritorna Malta l-Ħamis u matul dan il-vjaġġ ser ikun akkumpanjat mis-Sur Tony Demanuele li huwa membru tal-Kunsill tal-Malta Racing Club.


F’isem kulħadd nawguraw kull suċċess lil Noel Baldacchino.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/17/14