Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fil-Korsa tal-Marsa ser issir l-ewwel tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran. Din is-sena dan qed jiġi sponsorjat totalment minn Chaudron Powerboats.
Is-sena l-oħra dan il-Kampjonat kien intrebaħ mit-tim Malti u għal darb’oħra l-ewwel tappa qegħda ssir Malta. Ir-rappreżentant Malti se jkun Anthony Demanuele bil-ġerrejja l-oħra jkunu Ivan Serik mir-Russja, Matteo di Meo mill-Italja, Miodrag Pantic mis-Serbja u Jean Paul Fasquelle minn Franza.
Din l-ewwel tappa se tkun tikkonsisti minn żewġ tiġrijiet waħda għall-Klassi Bronze u l-oħra għall-Klassi Silver fejn il-kompetituri jieħdu punti u skond il-prestazzjoni tagħhom fiż-żewġ tiġrijiet joħroġ ir-rebbieħ tat-tappa. It-trofej lir-rebbieħa ġew ikkummisjunati apposta u huma replika tat-trofew mirbuħa minn Aaron Ciantar 4 darbiet champion tad-dinja tal-powerboats.
Barra it-tiġrijiet ġie mħejji programm speċjali u attrajenti għall-familja kollha fejn dakinhar se jkun hemm il-Banda tal-Mosta sabiex tallegra lill-ispettaturi kif ukoll se ssir parata bil-karozzi Ferrari u Lamborghini.
L-ewwel tiġrija tibda fis-1:30 pm.
Lorraine Cunningham
Public Relations & Media
Malta Racing Club
MRC/01/17