Saturday 7th August 2010
Charles Camilleri it-tielet f' Cagnes Sur Mer

Ir-rappreżentant Malti fil-5 tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran, il-ġerrej ta’ 36 sena, Charles Camilleri irnexxielu jikseb it-tielet post fil-Prix De La Mediterranee li saret nhar il-Ġimgħa li għadda fil-korsa ta’ Cagnes Sur Mer fi Franza.

Charles Camilleri, il-ġerrej Malti li s-sena li għaddiet spiċċa bħala l-aqwa ġerrej tal-kampjonat lokali, saq iż-żiemel bl-isem Organdina beda t-tiġrija fuq in-naħa ta’ wara. Wara l-ewwel 500metru, Camilleri beda jirkupra xi pożizzjonijiet u zamm postu wara numru 4 Opalin li kien misjuq mill-ġerrej Franċiż, Jean Paul Fasquelle. Filwaqt li l-ġerrej Taljan Attilio Golia, li sa qabel din it-tappa kien il-leader tal-kampjonat 2010 zamm l-ewwel post biż-żiemel numru 3 Oregon Cerise.

Meta kien għad baqa l-aħħar 600 metru Fasquelle attakka lil Golia fuq in-naħa ta’ barra biż-żiemel li kien qed isuq il-ġerrej Taljan jaqleb il-pass u jigi skwalifikat, hekk kif dan intefa taħt pressjoni. Sa dan it-tant beda l-attakk tiegħu l-ġerrej Serb Vladimir Belogrlic li kien qed isuq iż-żiemel Oriad Lesmelchen li finalment irnexxielu jispiċċa bħala r-rebbieħ ta’ din it-tiġrija. Fit-tieni post spiċċa ż-żiemel Papy De Cesny li l-ġerrej li kien qed isuq dan iż-żiemel ma kienx qed jipparteċipa fil-kampjonat fejn spiċċa qabeż bi ftit lill-ġerrej Malti.

F’kummenti li ta Charles Camilleri fi tmiem din it-tiġrija qal li ma kenitx faċli li jsuq dan iż-żiemel peress li ma setax jattakka fl-ebda hin ghaliex iż-żiemel ma kienx fl-aqwa kundizzjoni tiegħu. Huwa qal li meta jikkonsidra dawn iċ-ċirkostanzi kollha, ir-riżultat tat-tielet post huwa wieħed tajjeb ħafna. It-trainer taż-żiemel is-Sur Cormy, ukoll feraħ lill-ġerrej Malti għall-wirja tiegħu fejn huwa stqarr li din il-wirja kienet l-aħjar waħda ta’ dan iż-żiemel wara diversi prestazzjonijiet ricenti.

Ir-rappreżentant tal-Malta Racing Club is-Sur Mark Vella qal li huwa jħossu kburi bil-prestazzjoni li ta l-ġerrej Malti. Huwa kompla billi qal li l-wirja ta’ Charles Camilleri tikkonferma l-livell għoli tal-ġerreja Maltin. Bir-riżultat miksub minn Camilleri, Malta issa telgħet fit-tieni post overall f’dan il-kampjonat. Malta issa tinsab b’ċans tajjeb li tirbaħ għall-ewwel darba dan il-kampjonat hekk kif fl-aħħar ta’ dan ix-xahar ġerrej ieħor Malti ser ikun qed jipparteċipa fl-aħħar tappa, dik tar-Russja hekk kif ġie mħabbar li t-tappa tal-Kroazja ġiet kanċellata.

Ir-riżultat finali ta’ din it-tiġrija kien hekk kif ġej:

L-ewwel ORIAD LESMELCHEN - V. BJELOGRLIC - 1'15"7
It-tieni PAPY DE CESNY - J.L. ESTABLE - 1'15"9
It-tielet ORGANDINA - CH. CAMILLERI - 1'16"0
Ir-raba’ POST SCRIPTUM - D. ZORKO - 1'16"1
Il-ħames OPALIN - J.P. FASQUELLE - 1'16"1
Is-sitta PELITO - I. SERIK - 1'16"8