Thursday 24th February 2011
Emirates tisponsorja “It-Tazza l-Kbira” għat-tielet sena konsekuttiva

Emirates ħabret li għat-tielet sena konsekuttiva ser tkun l-isponsor uffiċjali tat-trofew l-aktar prestiġjuz fil-qasam tat-trott f’Malta, It-Tazza l-Kbira. Dan it-trofew ta’ preġju ser jkun mgħoti lir-rebbieħ tal-Finali tal-kampjunat, li ser isir il-Ħadd 10 ta’ April 2011. Il-kwalifikazzjonijiet preliminarji tal-Heats ser isiru matul dan it-tmiem ta’ ġimgħa, b’erba’ Heats is-Sibt u erba’ oħra l-Ħadd. Il-Heats kolla ser jsiru l-Malta Racing Club (MRC) il-Marsa u l-ewwel tiġrija tibda fis-13.30hrs.

Iċ-Ċermen tal-MRC Dr Matthew Brincat qal, “Emirates għal darb’oħra kkonfermat l-isponsership ta’ It-Tazza l-Kbira, it-tazza tat-tiġrijiet tat-trott li hi l-aktar prestiġġjuza f’Malta u tmur lura għall-oriġini tagħha, fl-1934. Matul is-snin, uħud miż-żwiemel l-aktar popolari li qatt kien hawn fil-gżira naqxu isimhom fuq din it-Tazza tant imfittxa, għax dan l-unur iqajjem taħlita ta’ tradizzjoni u kburija f’formula waħda ta’ rebħ,”

Il-Kwarti Finali ser isiru nhar il-Ġimgħa 11 u l-Ħadd 13 ta’ Marzu. Filwaqt li s-Semi Finali huma skedati għal nhar il-Ħadd 27 ta’ Marzu. Kuntrarjament għal turnej oħra, l-kampjonat ta’ It-Tazza l-Kbira hu miftuħ għall-ġerrejja tat-trott u għall-klassijiet kollha, u għaldaqstant ir-rebbieħ tal-finali li ser isir nhar il-10 t’April, jiġi meqjus bħala l-aqwa żiemel tat-trott f’Malta.

Paul Fleri Soler Emirates Maniġer għal Malta u Ċipru, qal: “Il-konferma tal-isponsership ta’ din is-sena wara s-suċċess li kellna s-snin l-oħra mal-Malta Racing Club tenfasizza l-impenn li Emirates għandha ma’ dawk li jħobbu t-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta. Nemmnu li l-assoċjazzjoni tagħna mal-MRC tgħin biex twassal lill-Emirates eqreb lejn dawk li f’Malta jħobbu t-tiġrijiet taż-żwiemel.”

“Emirates tisponsorja żewġ tiġrijiet taż-żwiemel fost l-aktar prestiġjuzi fid-dinja: id-Dubai World Cup u l-Emirates Melbourne Cup. Id-Dubai World Cup tlaqqa’ flimkien l-aqwa żwiemel minn mad-dinja biex jikkompetu fl-aktar tiġrija sinjura fl-isport, bi premju li jlaħħaq US$6 miljun. L-Emirates Melbourne Cup hu l-aktar jum importanti għat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-Awstralja, tant hu veru li hi magħrufa bħala it-tiġrija li twaqqaf nazzjon, u mhux biss dawk li jħobbu t-tiġrijiet taż-żwiemel.” żid Fleri Soler

Total ta’ 84 żiemel irreġistraw biex jieħdu sehem f’It-Tazza l-Kbira u r-rebbieħ ser jingħata it-trofew preġġjat biex tinżamm għal sena sħiħa. Il-premju għall-Finali hu ta’ €4,100, u jikkonsisti fi premju ta’ €2,500 għal min jiġi l-ewwel; premju ta’ €1,000 għal min jiġi t-tieni post; premju ta’ €400 għat-tielet post u €200 għal min jiġi r-raba’. Dawk li jiġu fl-ewwel erba’ postijiet jingħataw trofew kull wieħed kif ukoll għata għaż-żwiemel tagħhom. Ir-rebbieħ tal-kampjunat ser jkollu għata speċjali preżentata mill-Emirates.

F’isem l-MRC, il-ġerrejja u l-partitarji tal-isport, Dr Brincat ringrazzja lil Emirates tal-għajnuna finanżjarja u tal-isforz kontinwu. “L-appoġġ lejn It-Tazza l-Kbira hi xhieda tal-impenn li l-Emirates tieħu biex issostni l-iniżjattivi u tradizzjonijiet li huma mportanti u ta’ valur għalina l-Maltin. Kif ukoll, iżomm l-għan li toħloq kompetizzjoni b’saħħitha fl-Marsa u tkompli tkattar is-suċċess ta’ waħda mill-aktar korsijiet magħrufa fl-Ewropa,” qal Dr Brincat.