Monday 4th April 2011
It-Tazza l-Kbira tal-Emirates fil-Marsa nhar il-Hadd

Il-finali tant mistennija tal-Emirates’ It-Tazza l-Kbira ser ssir nhar il-Ħadd 10 ta' April fil-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa. Dan it-trofew prestiġġjuż tat-tiġrijiet taż-żwiemel imur lura għall-1934 u hu kkunsidrat bħala l-għola unur fit-tiġrijiet tat-trot Malti. It-tiġrija ser tkun is-sitt waħda fil-programm fejn id-9 finalisti, ser ikunu qed jissieltu kontra xulxin f’din it-tiġrija fuq distanza ta' 2640 metru bl-Autostart.
Il-finalisti huma:

1. Netter Williams
2. Neo de Mira
3. Marathon Villers
4. Kakisis
5. Lonshults Anders
6. Isolated
7. Madis Boy
8. Major Chaleonnais
9. Lou Petiot

Ir-rebbieħ ser jirċievi t-Tazza l-Kbira, it-trofew tant mixtieq. Dan jinżamm mir-rebbieħ għal sena. Il-fond tal-premjijiet jammonta għal €4,100, li jikkonsisti f’€2,500 għar-rebbieħ, €1,000 għal min jidħol it-tieni; €400 għat-tielet u €200 għal min jispiċċa fir-raba’ post. Dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet se jingħataw trofew tal-Emirates kull wieħed, filwaqt iż-żiemel rebbieħ jirċievi l-għata tal-Emirates bil-kliem Rebbieħ tat-Tazza l-Kbira 2011.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se titmexxa minn Paul Fleri Soler, Maniger tal-Emirates għal Malta u Ċipru. Din hi t-tielet sena konsekuttiva li l-Emirates Airline ssieħbet mal-Malta Racing Club.

Paul Fleri Soler qal: “L-Emirates, bħala l-isponsor Uffiċjali tat-52 edizzjoni tat-trofew It-Tazza l-Kbira, li tgawdi tradizzjoni u hi l-unika tiġrija taż-żwiemel f’Malta miftuħa għaż-żwiemel kollha tat-trott, hi fiduċjuża li nhar il-Ħadd ser tkun ġurnata memorabbli għall-eluf tad-dilettanti taż-żwiemel Maltin.”

Meta kien qed jitkellem għan-nom tal-ġerrejja u d-dilettanti taż-żwiemel, iċ-Ċermen tal-MRC Dr Matthew Brincat, irringrazzja lil Emirates Airline talli pprovdiet l-appoġġ finanzjarju meħtieġ. “Dan it-trofew huwa wirt u parti mill-kultura Maltija fl'ambitu tat-tiġrijiet taż-żwiemel. It-tradizzjoni, l-istorja u t-tiġrijiet assoċjati ma’ din it-Tazza tfisser ħafna għad-dilettanti Maltin. Nantiċipaw folla numeruza li ser tattendi nhar il-Hadd u għaldaqastant numru ta' attivitajiet qed jiġu maħsuba biex jieħu gost il-pubbliku prezenti. Nixtieq insemmi wkoll li din is-sena ser ikollna isem ġdid imnaqqax fuq din it-Tazza, għaliex l-ebda mid-9 finalisti qatt ma rebaħ dan l-unur,” qal Dr Brincat.

Kull żiemel finalist se jingħata għata tal-Emirates qabel it-tiġrija.

Il-programm tal-Ħadd jibda fis-2.00pm bl-ewwel minn seba' tiġrijiet. L-aħħar tiġrija, is-seba’ waħda fil-programm, tibda fl-5.00pm.

Photocaption: Paul Fleri Soler u Dr Matthew Brincat jħabbru l-poloz finali tad-disa’ finalisti tat-Tazza l-Kbira 2011 sponsorjata mill-Emirates.

Promo video: click on GALLERY