Thursday 29th August 2013
Ġerrejja Żagħżagħ Għat-Taħriġ fl-Isvezja

 


Nhar it-Tnejn 26 t’Awissu erbgħa ġerrejja żagħżagħ membri tal-Malta Racing Club ser imorru l-Isvezja sabiex jieħdu esperjenza ta’ taħriġ speċjaliżżat fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan l-avveniment setgħa jkun possibli bl-għajnuna ta’ fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-proġett ta’ Mobilita Leonardo da Vinci liema fondi ottenuti jammontaw għas-somma ta’ Ewro 10,165.


 


Kurt Saliba, Dylan Baldacchino, Warren Spiteri u Marvin Cauchi ser ikunu akkumpanjati mis-Sur Marco Millo, membru tal-Kunsill tal-Malta Racing Club, kif ukoll is-Sur Anton Pace li flimkien kienu strumentali sabiex japplikaw u jġiebu l-approvazzjoni neċessarja għal dan il-programm ta’ taħriġ. Barra mill-aspetti differenti ta’ dan il-programm, kemm is-sewwieqa kif ukoll l-uffiċjali huma obbligati li jaqsmu l-esperjenza u t-tagħlim tagħhom ma sħabhom is-sewwieqa hekk kif jirritornaw lura Malta.


 


Dan it-taħriġ li ser idum ġimgħa, ser ikun maqsum bejn tejorija u prattika.  Il-parti tat-tejorija ser ikun qed jieħu ħsieba s-Sur Tommy Lövgren li għal żmien twil kien imexxi skola tat-taħriġ fl-Isvezja u lil pajjiżna jafu sew. Matul din il-ġimgħa iż-żagħżagħ Maltin ser ikunu jistgħu jieħdu ideja aħjar ta’ ċertu aspetti li jirrigwarda t-tiġrijiet taż-żwiemel fosthom in-nagħal u dwar prattiċi ta’ sewqan mingħajr sustanzi projbiti.


 


Matul dawn il-ġranet ser ikunu wkoll jistgħu jesperjenzaw il-ħajja ta’ żagħżagħ oħra bħalhom li jaħdmu fi stalel kbar taż-żwiemel billi jżuru stalel ta’ trainers professjonali ibbażati fuq il-korsa ta’ Jägersro bħal Joakim Lövgren (64 żiemel), Lars I Nilsson (48 żiemel), Ulf Norrby (14 il-żiemel) u oħrajn.


 


Żgur li għal dawn l-erbgħa żagħżagħ din ser tkun esperjenza li tiswihom ħafna sabiex ikomplu javvanzaw fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel lokali.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club